• Imniedi l-Pjan ta’ Ħidma 2019 – 2021

    Il-Kumitat Reġjonali approva l-Pjan ta’ Ħidma għat-tliet snin li ġejjin fil-laqgħali saret nhar it-08 ta’ Awwissu 2019.

     

    Dan il-pjan ta’ ħidma għandu jagħtina direzzjoni ‘l quddiem biex inkomplu ntejbu l-ħidma ta’ Reġjun Nofsinhar għall-ġid tal-komunità fil-lokalitajiet li jiffurmaw dan ir-Reġjun.

     

    Issa li għandna allokazzjoni finanzjarja mill-Gvern Ċentrali ninsabu f’pożizzjoni aħjar biex inkunu nistgħu nippjanaw u naqdu l-ħtiġijiet tagħna b’mod aktar effettiv.

     

    L-impenji prinċipali tagħna jibqgħu:

    • Nipproteġu l-ambjent naturali u l-ambjent urban fil-lokalitajiet tar-Reġjun u nieħdu l-miżuri neċessarji biex nindirizzaw l-enerġija b’mod sostenibbli, l-iskart u t-tibdil fil-klima.
    • Infurzar lokali permezz ta’ servizz ta’ Uffiċjali tal-Komunità fil-lokalitajiet tar-Reġjun.
    • Insostnu attivitajiet kulturali kemm dawk organizzati mir-Reġjun, kif ukoll dawk organizzati mil-lokalitajiet tar-Reġjun.
    • Inkunu ta’ spalla fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali li jiffurmaw parti mir-Reġjun.
    • Naħdmu favur l-għaqda u r-rispett bejn ir-residenti fil-komunitajiet tar-Reġjun.

     

    L-attività kulturali prinċipali ta’ Reġjun Nofsinhar tibqa’ tkun Festa Nar li matul is-snin kompliet iżżid fil-popolarità mhux biss mad-dilettanti tal-proteknika imma wkoll mal-pubbliku inġenerali. Dan wassalna biex inkomplu nkabbru din l-attività minn sena għal oħra.

     

    Madankollu rridu nagħtu spinta lill-attivitajiet kulturali u se nimirħu biex naraw kif nistgħu nżidu aktar attivitajiet ta’ din ix-xorta. Irridu naħdmu fuq dan is-settur b’kollaborazzjoni ma’ Kunsilli Lokali f’lokalitajiet li jiffurmaw parti mir-Reġjun. Nixtiequ  li jitqajjem għarfien fost il-pubbliku  fuq il-ħidma tar-Reġjun permezz ta’ proġetti kulturali u infrastrutturali li jkollhom it-timbru tar-Reġjun. Dan jista’ jseħħ ukoll jekk inżidu l-ħidma tagħna fuq ir-relazzjonijiet pubbliċi. Nemmnu li jekk il-Kumitat Reġjonali jaħdem b’mod kollettiv għal dan il-għan, jirnexxilna naslu għal dawn il-miri u b’hekk inkunu qed intejbu l-ħajja tar-residenti fil-komunitajiet tar-Reġjun Nofsinhar. Se

     

    nagħmlu l-isforzi tagħna biex inżommu l-għaqda u r-rispett bejn kulħadd biex kull individwu jħossu kburi li jagħmel parti minn dan ir-Reġjun

     

     

     

    Flimkien mal-membri tal-Kumitat Reġjonali se nkomplu naħdmu biex noffru servizz ta’ eċċellenza u biex xogħolna ikun jirrifletti  governanza tajba, traparenza u kontabiltà.

     

     

    Ara l-Pjan ta’ Ħidma 2019 – 2021:

    Pjan ta’ ħidma 2019-2021 – Final