Il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar se jkun qed jippremja lil Jake Vella bil-premju Impatt Soċjali Pożittiv għas-sena 2019. Jake Vella hu tifel ta’ 10 snin minn Birżebbuġa li jbati minn kundizzjoni rari. Jake iddeċieda li minflok jaqta’ qalbu, jibda jissielet mal-kundizzjoni tiegħu permezz tat-taħriġ fl-isports. L-għajnuna u l-appoġġ kontinwu tal-ġenituri ta’ Jake, Josie u Maruska huma strumentali biex Jake jibqa’ jegħleb l-isfidi li jiffaċċja fil-ħajja kontinwament.
Il-perseveranza, il-kuraġġ u t-tbissima li dejjem tidher fuq wiċċ Jake kienu ta’ ispirazzjoni għal ħafna persuni li kienu għaddejjin minn żminijiet diffiċli fil-ħajja tagħhom minħabba mard jew diffikultajiet oħra biex ma jaqtgħux qalbhom u jisfidaw l-elementi li jkunu qed ixekkluhom. Jake kien ukoll strumentali biex jippromwovi l-isport fost il-pubbliku inġenerali. Il-messaġġ li kien kapaċi jwassal Jake b’għemilu kien li tkun kemm tkun ħażina s-sitwazzjoni tiegħek, l-isports u l-kuraġġ huma l-aqwa mediċina ta’ħajtek. Jake Vella rebaħ il-‘People’s Choice Awards’ fl-‘Isport Malta Awards’ fil-jiem li għaddew.
Il-Kunsill Reġjonali ta’ Nofsinhar jixtieq jirringrazzja lil Eurosport Malta li sponsorja il-premju ta’ Jake.