• Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar għall-Ħames Snin li Ġejjin

    Pjan ta’ Ħidma

    2021 – 2025

     

    Dan il-pjan ta’ ħidma għandu jagħtina direzzjoni ‘l quddiem biex inkomplu ntejbu l-ħidma tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar għall-ġid tal-komunitajiet fil-lokalitajiet li jiffurmaw dan ir-Reġjun.

     

    B’sodisfazzjoni nistgħu ngħidu li l-miri li kellu Reġjun Nofsinhar fil-pjan ta’ ħidma għas-sena li għadha kif intemmet intlaħqu u ninsabu f’pożizzjoni li nfasslu pjan ta’ ħidma aktar wiesa’ biex naspiraw għal miri ġodda konformi mal-funzjonijiet tal-Kunsilli Reġjonali elenkati f’Artikolu 37B.

     

    L-impenji prinċipali tagħna :

    • Nipproteġu l-ambjent naturali u l-ambjent urban fil-lokalitajiet tar-Reġjun u ngħinu biex tkun tista’ tiġi indirizzata l-enerġija b’mod sostenibbli, l-iskart u t-tibdil fil-klima.
    • Nikkoordinaw ma’ Ministeri, Dipartimenti, entitajiet governattivi, setturi taż-żamma tal-ordni, għaqdiet mhux governattivi u entitajiet privati biex niffaċilitaw il-ħidma tal-Kunsilli Lokali tagħna.
    • Nikkoordinaw ma’ Kunsilli Lokali f’attivitajiet u inizjattivi kulturali, edukattivi, sportivi, fiżiċi, soċjali u dawk relattivi għall-benesseri.
    • Inkunu ta’ spalla fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali li jiffurmaw parti mir-Reġjun u noffru assistenza professjonali fl-għoti tas-servizzi fil-qasam ambjentali, l-immaniġġjar tal-iskart, kulturali, l-immaniġġjar ta’ proġetti u tat-teknoloġija tal-informatika.
    • Noffru assistenza lill-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun sabiex jibbenefikaw u jimmaniġġjaw programmi finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea, fondi maħruġa mid-Dviżjoni għall-Gvern Lokali u fondi oħra mill-Gvern Ċentrali.
    • Naħdmu favur l-għaqda u r-rispett bejn ir-residenti kollha tal-Gżejjer Maltin.
    • Naħdmu għal kwalità ta’ ħajja aħjar fir-Reġjun tan-Nofsinhar.

     

     

     

     

    Matul is-snin li ġejjin, il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar se jkun qed jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-funzjonijiet prinċipali tiegħu. Se jkun qed jagħti importanza speċjali fl-għoti ta’ servizz ta’ għajnuna u assistenza professjonali lill-Kunsilli Lokali fil-qasam ambjentali, l-immaniġġjar tal-iskart, kultura, l-immaniġġjar ta’ proġetti, teknoloġija tal-informatika, u benefiċċji minn programmi u proġetti b’fondi tal-Unjoni Ewropea u dawk lokali.

     

    Madanakollu rridu nwessgħu l-ħidma Reġjonali f’setturi oħra fosthom dawk sportivi, soċjali,  edukattivi, kif ukoll dawk relatati mal-qasam soċjali. Se nkunu qed nikkoordinaw u naħdmu spalla ma’ spalla mal-Kunsilli Lokali tagħna biex verament inkunu qed noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lir-Reġjun tan-Nofsinhar.

     

    Għal dan il-għan, qed inħejju pjan strateġiku ambizzjuż li jinkludi xogħol strutturali biex jiġu estiżi l-uffiċini fil-bini amministrattiv tar-Reġjun sabiex ikun jista’ jilqa’ fih uffiċjali esperti u professjonisti li se jkunu qed jaħdmu mar-Reġjun biex jagħtu għajnuna professjonali lill-Kunsilli Lokali tagħna. Se nagħmlu l-almu tagħna biex il-Kunsilli Lokali jkollhom l-għodda u l-ħiliet neċessarji sabiex ikunu jistgħu joffru servizz ta’ livell professjonali lir-residenti tagħhom. Kulma jmur qed naraw li l-aspettattivi tal-pubbliku dejjem qed jiżdiedu. Għaldaqstant se nkunu qed nagħmlu ħilitna biex ngħinu lill-Kunsilli Lokali jilħqu l-aspettattivi tar-residenti fil-lokalità tagħhom.

     

    Se nagħmlu l-isforzi tagħna biex inżommu l-għaqda u r-rispett bejn kulħadd biex kull individwu jħossu kburi li jagħmel parti minn dan ir-Reġjun

     

    Flimkien mal-membri tal-Kunsill Reġjonali se nkomplu naħdmu biex noffru servizz ta’ eċċellenza u biex xogħolna ikun jirrifletti  governanza tajba, trasparenza u kontabiltà.

     

    Pjan ta’ ħidma 2021-2025 – final

     

    Pjan ta’ Ħidma 2021 – 2025 (Part2